guardianship.gov.mt

Spettorat u infurzar

Waħda mill-funzjonijiet prinċipali tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti (PPD) hija l-prevenzjoni tad-dħul ta’ organiżmi ta’ ħsara fit-territorju ta’ Malta u tal-UE. Ħafna minn dan ix-xogħol isir permezz ta’ sistema ta’ spezzjonijiet u azzjoni ta’ infurzar.

Huwa għalhekk li l-konsenji li huma importati minn pajjiżi terzi jiġu eżaminati bir-reqqa, u jitwettqu numru ta’ verifiki tal-identità, fiżiċi u ta’ dokumentazzjoni. Pereżempju, meta konsenja ta’ pjanti u prodotti ta’ pjanti tkun issuspettata li hija kkontaminata b’organiżmu ta’ ħsara, din tiġi vverifikata bir-reqqa biex jiġi eżaminat jekk il-konsenja kollha għandhiex tiġi pprojbita milli tidħol fis-suq.

Jitwettqu wkoll spezzjonijiet fiżiċi fi stabbilimenti pubbliċi, privati u kummerċjali, bħal ġardini, ġonna, żoni pubbliċi, għelieqi miftuħa, serer, mixtliet, ċentri tal-ġonna, eċċ. Fejn ikun hemm bżonn jinġabru kampjuni u jintbagħtu għad-dijanjożi u l-ittestjar skont il-każ. Il-PPD iwettaq ukoll spezzjonijiet ibbażati fuq rapporti mill-pubbliku meta tkun issuspettata l-preżenza ta’ pesti ta’ kwarantina jew organiżmi ta’ ħsara.

Ħafna mix-xogħol regolatorju tal-PPD iseħħ abbażi ta’ dawk magħrufa bħala Valutazzjonijiet tar-Riskju tal-Pesti, fejn jiġi ddeterminat il-potenzjal għall-introduzzjoni ta’ pesti u ta’ mard ġdid fil-Gżejjer Maltin. Dan il-proċess iservi wkoll bħala bażi għall-implimentazzjoni ta’ pjanijiet ta’ azzjoni u pjanijiet ta’ kontinġenza għall-kontroll u/jew l-eradikazzjoni ta’ pesti u ta’ mard.

Postijiet ta’ Kontroll fuq il-Fruntiera

Waħda mill-metodi li bihom il-PPD jirregola d-dħul ta’ pjanti u ta’ materjal tal-pjanti f’Malta sabiex jipproteġi s-saħħa tal-pjanti, huwa permezz tal-istabbiliment u l-operazzjoni ta’ dawk magħrufa bħala Postijiet ta’ Kontroll fuq il-Fruntiera. Dawn huma il-punti ta’ dħul fit-territorju Malti u jservu bħala sit għall-ispezzjoni u l-eżaminazzjoni ta’ materjal tal-pjanti li jkun qiegħed jidħol f’Malta.

Lista ta’ Postijiet ta’ Kontroll fuq il-Fruntiera f’Malta